Nadur Youngsters FC Sponsor Nadur Youngsters FC Sponsor Nadur Youngsters FC Sponsor Nadur Youngsters FC Sponsor Nadur Youngsters FC Sponsor Nadur Youngsters FC Sponsor Nadur Youngsters FC Sponsor Nadur Youngsters FC Sponsor
 
Messagg mill-President
Tuesday, 13 November 2007 06:20

 

Staġun 2007-2008

 

Il-50 Staġun ta’ Nadur Youngsters - It-Tielet Ħarġa

 

 

Il-Kumitat tal-Youngsters għall-istaġun 2007-2008, fl-okkażżjoni tal-50 sena mit-twaqqif tal-Club ħass il-ħtieġa li jżomm kuntatt mal-membri, sostenituri, supporters u daqstant ieħor ma’ l-ex-players, li xi darba jew oħra kienu jiffurmaw parti mit-team tal-Youngsters. Hekk inżommukom infurmati b’dak kollu li jkun għaddej u fl-istess waqt nistednukom għall-attivitajiet li nkunu qegħdin norganizzaw f’din l-okkażżjoni memorabbli.

 

 
Preżentazzjoni tal-First Team 2007-2008.

Żgur li l-Ġimgħa, 14 ta’ Settembru 2007, se tibqa’ mfakkra minn dawk kollha li attendew għall-Gala Dinner f’Ta’ Ċenċ, fejn ġew preżentati l-players, kif ukoll l-isponsors uffiċċjali għall-istaġun 2007-08. Kienet lejla fejn il-mistednin speċjali kienu l-Ewwel Kumitat ta’ Nadur Youngsters kif ukoll l-Ewwel Team. Tnejn mill-fundaturi, Horace Mercieca u Anġlu Curmi, għamlu diskors qasir imma sinifikanti, fejn fakkru t-twelid tal-Youngsters. Kienu preżenti bosta ex-players tal-Youngsters, fosthom Damian Said, li kien hu li skorja l-ewwel goal tal-Youngsters. Kienet attivita’ fejn L & R Car Hire ippreżentaw il-gear il-ġdid għall-istaġun. Kienu ppreżentati wkoll it-Track Suits, li huma sponsorjati minn ‘Rabokk Pizzerija’, u l-Basket, sponsorjat minn ‘Cut Above’. Filwaqt li ġew ippreżentati wkoll il-Kits tan-Nurseries, sponsorjati mill-Kumpanija Portelli Projects. Sponsor ieħor wasal minn Karkanja Ltd. Grazzi Kbira lil dawn kollha u Grazzi Speċjali lill-Management ta’ Ta’ Ċenċ u b’mod partikolari lis-Sur Sammy Rapa ta’ l-ospitalita’ u tal-mod professjonali fl-organizzazzjoni ta’ l-attivita’.

 

 
Tazza Indipendenza 2007.

Nhar il-21 ta’ Settembru 2007, rajna lil Nadur Youngsters jerġgħu jirbħu t-Tazza Indipendenza, l-għaxar darba fl-istorja u għar-raba’ darba konsekuttiva. Dan l-Unur donnu huwa marbut mal-Club tagħna. Il-Youngsters ħarġu rebbieħa fuq il-ġirien Qala St. Joseph bl-għoti tal-penalties wara li l-partita u l-extra time spiċċaw 1 – 1. Protagonista f’din il-partita spiċċa l-goal keeper Jonathan Xuereb li laqa’ 3 penalties.

 

 
 
Kampjonat 2007-08.

Intant beda wkoll il-logħob tal-Kampjonat fejn Nadur Youngsters lagħbu 2 partiti kontra Qala St. Joseph u Sannat Lions fejn ħarġu rebbieħa fiż-żewġ logħbiet, 3-0 kontra Qala u 1-0 kontra Sannat. Il-goals kienu skurjati minn Chidi Eric Nwankwo -2, Frank Paul Azzopardi (Qala) u Chidi Eric Nwankwo (Sannat). Jidher li t-Team jinsab fit-triq it-tajba u nesiġi li dan l-impenn u dedikazzjoni li mexjin bih jibqa’ sa l-aħħar.

 

 
Novita’.

Għall-istaġun 2007-2008, il-G.F.A. qed torganizza League tat-Tfajliet. Bħala Youngsters qegħdin nipparteċipaw f’dan il-league b’team mimli żgħażagħ, fejn l-għan tagħna hu li nkunu kompetittivi u niksbu esperjenza għall-futur. Pass pożittiv hu li Joe Portelli, li huwa l-Coach, għandu 25 tfajla għad-dispożizzjoni tiegħu u qegħdin jittrenjaw regolarment. Żġur li għandu l-problema fl-għażla tat-team fejn qegħdin nippruvaw li ninkludu lit-tfajliet kollha.

 

 
Nursery.

Waħda mir-raġunijiet prinċipali tas-saħħa fit-team tal-Youngsters illum hija in-Nursery. Bla dubju, l-Under 13 ser ikunu fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat, filwaqt li l-Under 16 jinsab għaddejjin minn perjodu tranżitorju, fejn mhux qegħdin nistennew rebħ ta’ unuri. Iżda għandna għax inkunu kunfidenti li ser joffru oppożizzjoni denja u t-team, li ħafna minnu għadhom Under 14, ser ikun pedina importanti fit-teams futuri tal-Youngsters.

 

 
Under 21.

F’dan l-istaġun reġa’ ġie ntrodott l-Under 21 League li ħa post l-Under 19. Anke hawn, jidher li l-Youngsters ser ikunu fost il-favoriti li jirbħu l-Unur finali. Wara żewġ logħbiet jidher li hemm potenzjal biżżejjed biex inżidu Unur ieħor fil-lista tal-Unuri mirbuħa fil-passat, biex dan l-istaġun żgur jibqa’ Mfakkar bil-kbir. Importanti ħafna li nżommu saqajna ma’ l-art u ma nħallux is-suċċess jitla’ għal rasna, għax nispiċċaw nitilfu kollox.

 

 
Kuntratt Ġdid.

Bi pjaċir inħabbrilkom li minn Lulju 2008, fil-Bottegin tal-Club ta’ Nadur Youngsters ser ikunu servuti l-prodotti tal-General Soft Drinks wara li ntlaħaq ftehim kummerċjali ġdid. Ftehim li jlaħħaq is-somma ta’ 14-il elf lira għall-ħames snin li ġejjin. Ta’ min jgħid li ma kienx faċli li naslu għal dan il-ftehim, u b’vot unanimu, dawn il-flus ser jintużaw biex jiġi rranġat il-Bottegin tal-Club. Diġa’ tlestew il-pjanti mill-Perit Carmelo Borg, u għaddejjin ukoll bl-ewwel tħejjijiet ma’ Designer, biex sal-20 ta’ Settembru 2008, inwasslu dan il-proġett fit-tmiem.

 

 
Peter Paul Camilleri Ground.

Preżentament għaddej ix-xogħol fil-Peter Paul Camilleri Ground, fejn qed isiru 2 toilets ġodda, wieħed għall-irġiel u ieħor għan-nisa. Dan ix-xogħol qed isir mill-ħaddiema tas-C.M.U. tal-Ministeru għal Għawdex. Hemm il-ħsieb li jsir ukoll railing ġdid fit-taraġ ta’ l-entratura prinċipali tal-ground. Ġiet ordnata lapida biex tfakkar lil Peter Paul Camilleri wara li l-ewwel waħda saritilha ħsara u kellha tinbidel.

 

 
Donazzjoni ta’ Darba.
Kif konna ħabbarnielkom, għal dan l-istaġun nedejna skema ġdida ta’ ġbir ta’ fondi fl-okkażżjoni tal-50 Anniversarju tal-Club, fejn il-lista ta’ donaturi kompliet titwal, u jonqos biss 7 oħra biex nagħqdu l-50. Mal-lista li tajna qabel żdiedu dawn il-persuni: Kevin Camilleri, Peter Paul Vella, Emanuel Bonello, Peter Paul Buttigieg, Alfred Borg, Michael Camilleri, Peter Theuma, Ruben Said, Joe Azzopardi, Dr. Mario Saliba, Mario Pace, N.N., John Debrincat, Mario Bonello, Giacinta Grech, Lucio Debono, Peter Paul Muscat, Mario Muscat, Euchar Vella, Toni Curmi, Michelle Vella, Mario Portelli, Mons Dun Salv u Kitty Pace u John Borg.

Nittamaw li sal-ħarġa li jmiss inkunu lħaqna l-mira tagħna, dik li naqbżu l-50 donatur. Infakkru li dawn id-donaturi ser ikollhom isimhom fuq lapida li ser issir fil-Club fl-okkażżjoni tal-50 Anniversarju.

 

 
Kalendarju Speċjali

Kif konna ħabbarna wkoll, ħriġna l-Kalendarju Speċjali li ġabar fil-qosor l-istorja ta’ dawn il-50 sena tal-Club. Issa li diġa’ jinsab fl-idejn, nistgħu ngħidu li ntlaqa’ b’mod verament tajjeb ħafna. Il-kalendarju qed jitqassam bieb bieb, u filwaqt li qed jingħata b’xejn, qiegħda tintalab donazzjoni għall-Club. Min ma kienx id-dar jew jixtieq jakkwista xi kalendarju ieħor, jista’ jkellem lil xi membru tal-kumitat. Dan il-kalendarju għandu jinżamm bħala rikordju tal-50 Anniversarju mitt-twaqqif ta’ Nadur Youngsters.

 

 

 

Inħarsu ’l Quddiem.

Nhar il-Ħadd, 25 ta’ Novembru ser tkun ġurnata oħra speċjali fejn ser nitolbu l-koperazzjoni tagħkom, u żgur il-parteċipazzjoni tagħkom tkompli tkabbar l-entużjażmu għall-kumplament ta’ l-istaġun.

Fit-8.00 am, ser issir Car Wash u Bejgħ ta’ Pjanti ħdejn it-Torri ta’ Kenuna. Il-flus li jinġabru ser imorru kollha għan-Nursery tal-Youngsters. Ser tkun attivita’ fejn nistednukom biex tiġu u tkunu tistgħu tieħdu wkoll kafé u biċċa cake tajba.

Fl-10.00 am, fil-kappella taċ-Ċimiterju, se ssir Quddiesa b’suffraġju ta’ l-ex-membri tal-Kumitat, ex-players, ex-membri u supporters mejtin. Għal din il-Quddiesa Speċjali qed nistiednu lill-Players u ex-Players ta’ Nadur Youngsters. Huwa mportanti li niftakru f’dawk li ħabbew lill-Youngsters u li llum il-ġurnata ma għadhomx magħna. Nistednukom ukoll biex tpoġġu fjuri fuq l-oqbra ta’ dawn l-istess membri f’din l-okkażżjoni speċjali.

Fil-11.00 am, wara l-quddiesa, is-Sindku, Dr. Chris Said ser jiftaħ wirja bit-Trophies l-aktar prestiġjużi li għandu l-Club u li huma miżmuma b’għożża kbira fil-Kamra tal-Kumitat.
Żgur li il-25 ta’ Novembru ser tkun ġurnata oħra speċjali fejn aħna n-Nadurin li għandna għal qalbna t-team ta’ Nadur Youngsters inkunu nistgħu niltaqgħu flimkien u ngħixu mill-ġdid it-tifkiriet sbieħ ta’ l-imgħoddi, u fl-istess waqt inħarsu ’l quddiem lejn iktar suċċessi.
 

Ikla tal-Milied.

Għalkemm il-Milied għadu kemxejn ’il bogħod, nixtieq infakkarkom li l-Ikla tal-Milied ser issir nhar is-Sibt 22 ta’ Diċembru 2007 f’Palazzo Margerita. Hija x-xewqa tagħna li din is-sena jkollna mal-200 persuna li jiġu jaqsmu magħna l-Ferħ li jġibu l-Festi tal-Milied, iktar u iktar meta qegħdin infakkru dan l-Anniversarju Speċjali. Il-Prezz se jkun Kbar Lm8.50 u tfal Lm4.
 

High Tea Speċjali.

Qabel ma naqilbu għall-Euro, il-Youngsters qed jaħsbu wkoll għal High Tea Speċjali. Dan ser isir fis-City Pearl, Victoria, l-għada tal-Milied fit-3.00pm. Ser nipprovdu Trasport mill-pjazez kollha ta’ Għawdex fis-2.00pm. Għal din l-Okkażżjoni ser nagħtu Lm1000 f’rebħ ta’ tombli, u magħhom 20 Hamper tal-Milied. F’din l-okkażżjoni ser intellgħu ‘Nativita’, maħduma għalina mill-ex player tagħna, is-Sur Joe Camilleri Cassar (tal-Grigal), li taha bħala donazzjoni. Nixtieq li jkun hemm impenn totali minn kulħadd, biex dan il-High Tea jirnexxi. Ma rridx ninstema’ li dejjem irridu, pero’, biex inżommu l-Club tagħna trid spejjeż kbar. Nittama li dan il-High Tea ikun iċ-ċirasa fuq il-Cake ta’ l-attivitajiet li ser norganizzaw fi żmien il-Milied.
 

Għeluq.

Hekk wasalna biex tajniekom rendikont ta’ dak kollu li hu għaddej. Nirringrazzjawkom ta’ l-appoġġ li qegħdin tagħtuna, appoġġ li qed jissarraf f’ġid fit-Team ta’ qalbna, Nadur Youngsters.
 
 

Eucharist Camilleri

President - Nadur Youngsters F.C.

 

 

 
Leave your comments
Comments on Nadur Youngsters FC | Messagg mill-President

busy